X’ifisser is-26 ta’ Jannar għall-Awstraljani Indiġeni

BRISBANE INVASION DAY RALLY

Invasion Day Rally, Brisbane 2024. Source: AAP / JONO SEARLE

Fl-Awstralja, is-26 ta’ Jannar huwa l-jum nazzjonali, iżda din id-data tqajjem nuqqas ta’ qbil. Ħafna migranti li huma ġodda fl-Awstralja jridu jiċċelebraw il-pajjiż ġdid tagħhom, iżda huwa importanti li nifhmu l-istorja sħiħa wara din il-ġurnata.


Punti Ewlenin
  • Jum l-Awstralja jfakkar il-jum li fih l-Brittaniċi tellgħu l-bandiera tal-Union Jack f’Sydney Cove fl-1788, li kien il-bidu tal-kolonizzazzjoni.
  • Is-26 ta’ Jannar ifakkar l-bidu tal-kolonizzazzjoni Ingliża, parti mill-istorja ta’ uġigħ ta’ qalb tal-poplu Aboriġinu u Torres Strait Islander.
  • Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li l-maġġoranza tal-Awstraljani jridu li jum l-Awstralja jibqa’ fis-26 ta’ Jannar.
Is-26 ta’ Jannar huwa uffiċjalment jum l-Awstralja, il-jum nazzjonali tal-pajjiż. Iżda għan-nies Indiġeni, u numru dejjem jikber ta’ Awstraljani, dan mhux jum li wieħed jiċċelebra.

Boe Spearim, attivist u podcaster ta’ dixxendenza Gamilaraay, Kooma, u Murrawari, jiddeskrivi l-effett emozzjonali ta’ din il-ġurnata.

“Għalija, meta tasal il-ġurnata, filgħodu, inħossni qisni sejjer funeral. Naf li ġrat xi ħaġa ħażina. Huwa sentiment ta’ diqa kbira ħafna.”

Għaliex Jum l-Awstralja huwa fis-26 ta’ Jannar

Fis-26 ta’ Jannar, 1788, il-Brittaniċi tellgħu l-bandiera tal-Union Jack f’Sydney Cove, u dan kien il-bidu tal-kolonizzazzjoni.

Jum l-Awstralja ilu jiġi osservat fis-26 ta’ Jannar mill-1935 iżda sar vaganza pubblika mal-pajjiż kollu fl-1994.

Xi Awstraljani jiċċelebraw billi jorganizzaw barbikjus ma’ sħabhom u l-familja tagħhom, imorru l-baħar jew jaraw il-logħob tan-nar. F’din id-data isiru ħafna ċerimonji ta’ ċittadinanza.

Iżda s-26 ta’ Jannar ilu jiġi meqjus bħala “jum ta’ luttu” mill-popli Aboriġini u Torres Strait Islander sa mill-1938. Numru dejjem jikber ta’ Awstraljani jirrifjutaw li jiċċelebraw il-ġurnata u qed jitolbu li l-btala nazzjonali tinbidel għal data differenti.

BRISBANE INVASION DAY RALLY
Invasion Day Rally in Brisbane, 2024 Source: AAP / JONO SEARLE

Għaliex hija ġurnata ta’ uġigħ il-qalb għall-Awstraljani Indiġeni?

Dr Summer May Finlay, mara ta’ dixxendenza Yorta Yorta u għalliema fl-Università ta’ Wollongong, tispjega li s-26 ta’ Jannar jirrappreżenta l-bidu tat-tbatija għall-persuni Aboriġini u Torres Strait Islander.

“Huwa l-bidu tar-razziżmu, huwa l-bidu tad-diskriminazzjoni, huwa l-bidu ta’ żmien fejn il-poplu tagħna ġie mifrud mill-komunita’ u mill-pajjiż li l-antenati tagħna ilhom jimxu fuqu għal 65,000 sena.”

Il-kolonizzazzjoni Ingliża kienet devastanti għall-Awstraljani Indiġeni li ffaċċjaw telf ta’ art, massakri, introduċew mard u t-teħid sfurzat tat-tfal.

L-effetti tal-kolonizzazzjoni, inklużi d-diskriminazzjoni sistemika, ir-riżultati negattivi tas-saħħa, u r-rappreżentanza kbira fis-sistema tal-Ġustizzja, għadhom jinħassu sal-lum.

Dr Finlay tħeġġeġ lill-Awstraljani kollha biex jitgħallmu dwar l-istorja ta’ pajjiżhom.

“Naħseb li l-Awstralja hija pajjiż mill-isbaħ f’ħafna modi. Jien ċerta li n-nies li jiġu f’dan il-pajjiż u li huma ċittadini ġodda jgħarfu u jirrikonoxxu dan kollu. Iżda fl-istess ħin, għandna storja f’dan il-pajjiż li mhix mill-aħjar u mhix partikolarment rikonoxxuta tajjeb.”

Nibdlu, ngħarfu jew inneħħu din id-data?

Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juru li . Imma kull sena, aktar u aktar nies iridu li tinbidel id-data tal-vaganza nazzjonali.

Ħafna Awstraljani Indiġeni jixtiequ li d-data tinbidel, għalkemm xi wħud jippreferu r-rikonoxximent tal-istorja tagħha aktar milli jibdluha. Oħrajn, bħal Boe Spearim, jemmnu li l-ġurnata għandha titneħħa għal kollox.

“Huwa dwar it-tneħħija tal-għarfien kolonjali li dan il-pajjiż ġie mwaqqaf b’mod paċifiku jew li dak li ġara lin-nies Aboriġini m’għandux jiġi rikonoxxut, meta għandu jkun hekk. U huwa biss li tfakkar lill-bojod u lir-razzisti u l-pubbliku ġenerali li inti ma tistax tiċċelebra l-ġenoċidju aktar, mhix ħaġa sewwa,” huwa jgħid.

MELBOURNE INVASION DAY RALLY
People gather outside Victorian Parliament for the Invasion Day rally, 2024. Source: AAP / Diego Fedele

Kif niċċelebraw is-26 ta’ Jannar b’rispett

Gruppi Indiġeni jorganizzaw marċi, rallies, servizzi kmieni filgħodu, u avvenimenti kulturali madwar il-pajjiż kollu fis-26 ta’ Jannar, b’referenza għall-jum bħala “jum ta’ invażjoni” jew “jum ta’ sofferenza”.

Dr Finlay tiddeskrivi kif tiżvolġi l-ġurnata u min jista’ jieħu sehem.

“Il-marċi huma marċi paċifiċi mat-toroq, bħala protesta. Ħadt sehem fi ftit marċi f’Melbourne meta kont ngħix hemmhekk. U huwa mod mill-isbaħ kif il-familji jingħaqdu flimkien, kemm jekk huma familji Aboriġini u Torres Strait Islander, kemm jekk huma familji mhux Indiġeni.”

Rana Hussain hija membru tal-bord ta’ Reconciliation Australia, fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tippromwovi r-rikonċiljazzjoni bejn l-Awstraljani Indiġeni u dawk mhux Indiġeni. Hi tgħid li dawn l-avvenimenti jipprovdu tama u għaqda.

“Ikollok dak is-sens ta’ solidarjetà, ħafna drabi jkollok dak is-sens ta’ tama mal-komunità. Bħala alleati, naħseb li huwa verament importanti li nappoġġjaw in-nies tal-Ewwel Nazzjonijiet hekk kif dawn qegħdin jinsistu biex tinbidel id-data jew jingħata aktar għarfien ta’ xi tfisser fil-fatt għalihom din il-ġurnata.”

Diversi kunsilli m’għadhomx jagħmlu avvenimenti ta’ Jum l-Awstralja u ċerimonji ta’ ċittadinanza fis-26 ta’ Jannar. Xi postijiet tax-xogħol jippermettu lill-impjegati jibdlu din il-vaganza pubblika għal ġurnata oħra.

New Australian citizens
New Australian citizens, Broken Hill, NSW Source: AAP / STUART WALMSLEY

Kif il-migranti jistgħu identifikaw mal-Awstraljani Indiġeni

Boe Spearim jemmen li l-migranti, li ħafna minnhom għaddew minn gwerra u okkupazzjoni, jistgħu jempatizzaw mat-taqbidiet tal-poplu Indiġenu.

“Ħaġa tal-għaġeb li n-nies jiġu hawn u jsibu xi tip ta’ paċi. Mis-26 ta’ Jannar 1788, aħna ma sibniex ġustizzja, ma sibniex paċi,” jgħid.

Rana Hussain tgħid li l-kwistjoni tas-26 ta’ Jannar għandha tkun importanti għall-Awstraljani kollha, mhux biss għan-nies Indiġeni.

“Naħseb li għal ħafna nies, jaħsbu li din il-kumplikazzjoni u d-dwejjaq u n-niket jinħassu biss mill-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet, imma kull min jifhem is-sinifikat ta’ dik il-ġurnata jista’ jħoss l-effett tagħha. U għalija, peress li aħna wild l-emigranti Indjani, għandna l-istorja tagħna stess ta’ kolonizzazzjoni u kolonjaliżmu Brittaniku.”
Bħala migranta tat-tieni ġenerazzjoni, Rana Hussain tifhem għaliex ħafna migranti jridu jiċċelebraw l-identità l-ġdida tagħhom.

Iżda temmen li l-Awstraljani kollha jrid ikollhom konverżazzjonijiet serji dwar l-istorja vera ta’ pajjiżna qabel ma nkunu nistgħu nsibu mod inklussiv kif niċċelebrawh.

“Naħseb li jrid ikollna dik il-konverżazzjoni bħala pajjiż, imbagħad inkunu nistgħu nitkellmu fuq liema ġurnata rridu niċċelebraw mill-istorja kollha u nagħrfu dik l-istorja kollha u mbagħad ningħaqdu flimkien. Int taf, liema huwa l-jum xieraq biex jgħaqqadna lkoll.”
Subscribe or follow the Australia Explained podcast for more valuable information and tips about settling into your new life in Australia.   

Do you have any questions or topic ideas? Send us an email to 

Share