L-Impatt tat-turiżmu tal-Ewwel Nazzjonijiet

Karrke Aboriginal Cultural Tour, Watarrka, NT

Karrke Aboriginal Cultural Tour, Watarrka, NT Credit: Archie Sartracom /Tourism Australia

Qed tfittex esperjenza tal-ivvjaġġar fl-Awstralja, li verament issaħħrek? Kemm jekk qed tfittex pajsaġġi ta’ art xagħri, ikel, arti jew lussu, hemm ħafna avventuri turistiċi tal-Ewwel Nazzjonijiet li tista’ tesplora. Dawn ikunu mmexxija minn xi ħadd b’ 65,000 sena ta’ konnessjoni ma’ din l-art. Ħaġa bħal din mhux biss isaħħaħ l-esperjenza tiegħek, iżda tkun qed tgħin biex isaħħaħ l-opportunitajiet kulturali u ekonomiċi għall-komunitajiet tal-Ewwel Nazzjonijiet.


Tourism Australia tirrikonoxxi l-interess dejjem jikber fit-turiżmu tal-Ewwel Nazzjonjijiet hekk kif vjaġġaturi qegħdin ifittxu esperjenzi awtentiċi u kulturalment faxxinanti.

Nicole Mitchell tgħid li t-turisti jridu jitgħallmu aktar dwar in-nies u l-pajjiż tal-Ewwel Nazzjonijiet. Hija Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Discover Aboriginal Experiences (DAE), għaqda li tippromwovi t-turiżmu tal-Ewwel Nazzjonijiet fl-Awstralja.

“Fis-sena kalendarja 2023 kellna 969,000 viżitatur internazzjonali li pparteċipaw f’esperjenzi tat-turiżmu Indiġenu waqt li kienu qed iżuru l-Awstralja,” tgħid Nicole Mitchell.

“Iżda huw ta’ pjaċir ukoll li rajna żieda mill-2019 għall-2023 ta’ 22 fil-mija fil-vjaġġaturi domestiċi tagħna. Għalhekk, 1,185 miljun viżitatur domestiku qegħdin jesperjenzaw il-kultura Indiġena.”

Kull esperjenza kollettiva tad-DAE hija ggwidata mill-popli Aboriġini jew Torres Strait Islander.
Jarramali Rock Art Tour
Jarramali Rock Art Tour Credit: The Edit Suite/Tourism Australia

Min huwa parti mill-istorja, jgħid l-istorja

Juan Walker raġel ta' nisel Kuku Yalanji jmexxi Walkabout Culture Adventures fit-Tramuntana ta’ Queensland. 

“Naħseb li jekk qed titgħallem dwar il-kultura u l-istorja Aboriġinali, l-aqwa tagħlim huwa mingħand in-nies Aboriġini biex tisma’ n-naħa tal-istorja tagħhom, u biex verament tifhem l-art u l-baħar li qed tivvjaġġa fuqhom,” jgħid Jaun Walker.
M’hemmx aħjar milli titgħallem mill-eqdem kulturi ħajjin li okkupaw dawk l-inħawi sa mill-bidu.
Juan Walker, Walkabout Culture Adventures
Juan Walker jieħu lill-viżitaturi fl-inħawi biex isiru jafu dwar il-foresta magħrufa bħala Daintree Rainforest li għandha 135 miljun sena u qegħda qrib Port Douglas.

Huwa jaqsam l-għarfien tiegħu dwar l-ekosistemi, l-istorja, it-tradizzjonijiet u r-riżorsi naturali differenti, u jħeġġeġ lill-viżitaturi jduqu l-ikel tal-buxx lokali.

L-ikel huwa mod tajjeb biex tintroduċi l-kultura tal-pajjiż lit-turisti.

L-esperjenzi Indiġeni tal-ikel fil-fatt jinsabu fuq nett tal-lista tat-tours popolari hekk kif l-ikel tal-buxx qed jikseb għarfien għat-togħmiet u l-użu uniċi tagħhom.

 
tourismAustraliaN.jpg
Tourism Australia recognises the growing interest in First Nations tourism as travellers seek out authentic and culturally immersive experiences.

Kif insiru nafu l-istejjer tal-pajsaġġ tal-art tagħna

Hemm għadd kbir ta’ modi kif jiġu esplorati l-inħawi, il-pajsaġġ u l-pjanuri Awstraljani. Issib tours bid-dgħajjes, titjiriet b’xeni mill-isbaħ u vjaġġi b’4WD, b’ akkomodazzjoni li tvarja minn ikkampjar sa akkomodazzjoni lussuża.

Il-Parks Nazzjonali tagħna joffru wħud mill-eqdem arti fil-blat fid-dinja, li għandha mal-20,000 sena. Il-gwidi Indiġeni jistgħu jispjegaw xi ftit mis-sinifikat kulturali ta’ dawn is-siti.

Il-Park Nazzjonali ta’ Kakadu fin-Northern Territory huwa meqjus bħala Wirt Dinji għall-valuri ambjentali u kulturali tiegħu, u għandu waħda mill-akbar konċentrazzjonijiet ta’ arti fil-blat.

Bl-ilma nieżel mal-blat, il-bajjiet, il-fawna selvaġġa u l-għadajjar tal-għawm tagħha, il-Kimberley fil-Punent tal-Awstralja fiha wkoll wirjiet inkredibbli tal-arti tal-blat.

U l-arkeoloġija tikkumplimenta l-pajsaġġ tal-Mungo National Park fil-Lbiċ ta’ New South Wales, meqjus bħala Wirt Dinji.

Waħda mill-għadajjer antiki, illum bla ilma, Lake Mungo hija waħda mill-aktar siti arkeoloġiċi importanti fid-dinja. Hawnhekk tista’ tesplora, tikkampja jew tingħaqad f’tour ma’ gwida.

Esperjenzi kulturali

Vjaġġaturi spiss jinvolvu ruħhom direttament fl-esperjenzi offruti, tgħid Nicole Mitchell.

Tista’ tieħu sehem fi klassi tal-arti, jew tista’ tirkeb fuq in-naħa ta’ wara ta’ quad bike fuq ir-ramel ’il fuq fiż-żona ta’ Warami fit-Tramuntana ta’ Sydney, u tkun qed titgħallem dwar il-kultura.
Nicole Mitchell, Discover Aboriginal Experiences
Kull inkontru jkun spjegat mill-gwidi tal-Ewwel Nazzjonijiet li jagħtu l-ħajja l-art u int tispiċċa b’memorji sbieħ li jibqgħu tul ħajtek.

ggca-experiences-signature-aboriginal-experience-1.jpg
Great Golf Courses of Australia aboriginal experience

Komunitajiet lokali jibbenefikaw mit-turiżmu

It-turiżmu mmexxi mill-Indiġeni mhux biss iġib dħul għall-komunitajiet lokali, iżda jappoġġja wkoll is-sostenibbiltà kulturali.

Maruku Arts jinkludi 900 artist minn komunitajiet remoti fiċ-Ċentru tal-Awstralja. In-nies tal-post jistgħu jibqgħu jgħixu fl-inħawi filwaqt li jbigħu l-arti tagħhom, jospitaw workshops u tours kulturali, tispjega Nicole Mitchell.

“Dawn jitmexxew bil-lingwa lokali ta’ Pitjantjara, u dan jgħin ukoll biex tinżamm dik il-lingwa,” tgħid Nicole Mitchell fil-workshops popolari dwar it-tpinġija bit-tikek.

Juan Walker jgħid li t-tours kulturali tiegħu jedukaw lill-viżitaturi dwar l-istorja Aboriġinali u l-istorja tal-familja tiegħu stess, waqt li jibqa’ jgħix fejn twieled.

“Għalhekk, minflok ma jkolli nitbiegħed għax-xogħol, dan jippermettili li nibqa’ qrib il-familja tiegħi, qrib in-nies tiegħi u l-art fejn trabbejt. Huwa mod tajjeb ħafna kif naqla’ l-għajxien, billi naqsam u ngħallem lin-nies dwar il-wirt tiegħi u naturalment, ngħin lin-nies jirrispettaw aktar l-art, il-baħar u l-għadajjar fejn ikunu żaru.”

Selfie Aboriginal Woman
As a First Nations Storyteller, Bundjalung man Kyle Ivey guides visitors on a climb of the Sydney Harbour Bridge as part of the Burrawa Aboriginal Climb Experience. Credit: davidf/Getty Images

Kultura fiċ-ċentri urbani

Hija idea komuni li l-kultura Indiġena teżisti biss f’postijiet imbiegħda, iżda tiltaqa’ ma’ stejjer interessanti fiċ-ċentri urbani tal-Awstralja wkoll.

Bħala persuna li jirrakkonta l-istejjer tal-ewwel Nazzjonijiet, Kyle Ivey raġel ta’ nisel Bundjalung jiggwida lill-viżitaturi meta jitilgħu fuq il-Pont tal-Port ta’ Sydney

Jgħid li jipprova jmexxi t-tours fuq il-Pont ta’ Sydney bħala telgħa ta’ rikonċiljazzjoni.

“Waqt li nkun għaddej minn fuq il-Pont nieqaf u niġbed l-attenzjoni lill-viżitaturi fuq affarijiet li jagħmluha ftit aktar faċli biex tgħid l-istejjer.”

Waqt li jkunu tilgħin fuq il-Pont, Kyle Ivey jurihom sinjali importanti għan-nies tal-Ewwel Nazzjonijiet fl-inħawi. Jaqsam magħhom kif għexu l-antenati tiegħu fuq l-art u rawha tinbidel mal-wasla tal- Ewropej. Għalih dan huwa sens ta’ kburija, mhux biss għalih imma għall-gruppi kulturali diversi fl-Awstralja.

“Huwa wkoll mod tajjeb għalija biex inżomm ħajja l-memorja. Iġġegħelni nkun irrid nagħmel aktar u nsir naf aktar, biex ninkludi aktar nies u niżgura li ma ninsa lil ħadd. Hija esperjenza sodisfaċenti ħafna.”

Fil-qalba ta' Melbourne tista’ tingħaqad mal-mixja ggwidata ta’ Birrarung Wilam matul ix-Xmara Yarra biex tara l-installazzjonijiet tal-arti Aboriġinali.

Tisma’ kif l-art inbidlet maż-żmien u s-sinifikat tagħha bħala post ta’ ġabra għall-popli Kulin tal-lokal.

Yalinguth, hija esperjenza oħra tat-turiżmu Aboriġinali offruta f’Melbourne. Waħda mill-mixjiet hija matul il-Yarra. Hemm mixja wkoll f’Fitzroy.

U fit-Tasmania tista’ tesperjenza t-tour immexxi mill-Aboriġini ta’ nipaluna/Hobart. Il-mixja u l-preżentazzjoni ta’ 90 minuta jirrakkuntaw storja mudlama li kellha mpatt fuq il-poplu palawa lokali.

A tour guide walked through the safety precautions of hiking into Kata Tjuta near a tent
Petermann, Northern Territoty / Australia - December 8, 2019: A tour guide walked through the safety precautions of hiking into Kata Tjuta near a tent Credit: alanlim97/Getty Images

It-Turiżmu tal-Ewwel Nazzjonijiet jgħin fir-rikonċiljazzjoni

Nicole Mitchell tgħid, li permezz ta’ esperjenzi bħal dawn immexxija mill-Indiġeni, kemm persuni Indiġeni kif ukoll dawk mhux Indiġeni jaqsmu l-għarfien kulturali.

“Jgħin ukoll għar-rikonċiljazzjoni,” tgħid Nicole Mitchell.

 “In-nies qegħdin jitgħallmu dwar il-ħafna kulturi differenti fl-Awstralja. Qed jagħti wkoll opportunità lill-komunità biex huma wkoll jirrakkuntaw l-istorja tagħhom. Wieħed mill-gwidi li fil-fatt qalli, “irridu naqsmu l-kultura biex inżommu l-kultura”.”

Ikseb aktar informazzjoni f'
Segwi l-podcast Australia Explained għal aktar informazzjoni importanti dwar l-issetiljar fl-Awstralja.    

Għandek xi mistoqsijiet jew ideat dwar dan is-suġġett? Ibgħat email lil

Share