L-għarfien tal-mediċina tradizzjonali Indiġena

Debbie Watson.jpg

Traditional healer Debbie Watson

L-għarfien u r-rispett tal-mediċina Indiġena jistgħu jkunu ċ-ċavetta biex tkun ipprovduta kura aktar ħolistika u kulturalment sensittiva fl-ambjent tal-kura tas-saħħa tal-lum.


Punti Ewlenin
  • Għall-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet, is-saħħa hija kunċett ħolistiku, taħlita kumplessa tal-effett fiżiku, emozzjonali, soċjali u spiritwali ta’ dak li huwa ta’ saħħa u kuntentizza.
  • Il-mediċina tradizzjonali hija taħlita ta’ dak li huwa tanġibbli u spiritwali.
  • Dawk li jfejqu b’mod tradizzjonali jirtu l-għarfien u l-abbiltajiet tagħhom li jfejqu minn ġenerazzjoni għal oħra.
  • Il-mediċina tradizzjonali u l-mediċina moderna jistgħu jaħdmu id f’id u joffru trattament aktar kulturalment sensittiv.
Għall-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet, is-saħħa hija aktar milli ma jkollox mard jew li timrad. Huwa kunċett ħolistiku kkaratterizzat mill-interazzjoni kumplessa tal-aspetti fiżiċi, emozzjonali, soċjali, u spiritwali ta’ dak li huwa tajjeb għa-saħħa u ta’ kuntentizza.

Għalhekk, il-mediċina tradizzjonali Indiġena mhix iffukata biss fuq it-trattament tal-mard fiżiku. Hija tara li tibbilanċja bejn id-diversi dimensjonijiet ta’ dak li huwa ta’ saħħa u kuntentizza.

Dr Alana Gall, mara Truwulway mill-kosta tal-Grigal ta’ Lutruwita, ilha sa minn meta kienet żgħira interessata fil-mediċina tradizzjonali.

“Fid-dar dejjem konna nużaw mediċini naturali differenti u l-prattiċi differenti kollha, u għalhekk ċerimonji u spiritwalità differenti kienu kollha kemm huma parti kbira minn ħajti.”
Dr Alana Gall.jpg
Dr Alana Gall
Hija esperta fir-riċerka tal-mediċina naturali fl-Università Southern Cross u għandha karigi differenti li jinkludu direttur tal-mediċina tradizzjonali Indiġena għall-Koalizzjoni tal-Mediċina Tradizzjonali, Kumplimentari, u Integrattiva (TCI).

Hija tgħid li t-terminoloġija “mediċina tal-buxx”, li ħafna drabi tintuża bl-istess mod mal-mediċina tradizzjonali, tista’ tillimita l-għarfien tan-nies dwar x’ inhi l-mediċina tradizzjonali.

 In-nies għandhom it-tendenza li jifhmu dawn il-mediċini bħala xi ħaġa fiżika bħal mediċini li jittieħdu man-nifs, jew li jibilgħu.

Madankollu, “il-mediċina tagħna hi ħafna iktar minn hekk,” tispjega Dr Alana Gall.

“Il-mediċina tradizzjonali tista tinkludi ċerimonji ta’ fejqan, mediċina spiritwali, u fejqan tradizzjonali.”

Naraw ukoll lil Pajjiżna, l-artijiet tagħna, bħala ta’ fejqan ukoll. Mela għandna Pajjiż tal-mediċina wkoll. Imma li jorbot dan kollu huwa dak li n-nies jitkellmu dwaru b’ mod komuni issa, bħala l-mod tagħna li nkunu nafu, u nagħmlu.
Dr Alana Gall

Nies li jfejqu b’mod tradizzjonali

Debbie Watson hija ngangkari jew mara Aboriġina li tfejjaq b’mod tradizzjonali minn Pipalyatjara fl-artijiet Aṉangu ta’ Pitjantjatjara Yankunytjatjara (APY) f’South Australia .

Dawk n-ngangkari, li jfejqu jgħinu biex l-ispirtu jiġi aġġustat mill-ġdid, li huma jqisu bħala l-komponent ewlieni tal-ġisem uman.

“Infejjaq in-nies b’idejja. Nara ġewwa u nħoss l-enerġija tagħhom u x’għandhom ġewwa, u naħdem ukoll mal-ispirtu.”

Debbie Watson tispjega li jekk l-ispirtu jitwarrab minn postu jew ikun imblukkat, jista’ jikkawża uġigħ, anzjeta’, u sintomi oħra.

“L-ispirtu ma jistax iweġġa’,” hija tgħid.

Il-ħila li tfejjaq lin-nies tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Debbie Watson ġejja minn nisel twil ta’ nies li jfejqu. Tgħallmet is-sengħa mingħand missierha bħala tifla żgħira.

“Għallimni kif infejjaq u kif infejjaq tajjeb.”
Debbie Watson 2.jpg
Debbie Watson
Debbie Watson hija d-direttur u kofundatriċi tal-Aṉangu Ngangkaṟi Tjutaku Aboriginal Corporation (ANTAC), l-ewwel assoċjazzjoni Aboriġinali fl-Awstralja ta’ dawk li jfejqu l-mard.

L-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tappoġġa u żżomm il-prattiċi ta’ sekli sħaħ filwaqt li tipprovdi servizzi ta’ fejqan lill-popli Aboriġini u mhux Aboriġini.

Dr Francesca Panzironi li l-isfond tagħha kien fil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem hija kofundatriċi u Kap Eżekuttiv ta’ ANTAC.

Il-kurżità tagħha dwar il-mediċina tradizzjonali Aboriġina u n-nuqqas ta’ informazzjoni, wasslu lil din l- istudjuża Taljana biex “tintefa’ tfittex dak li ma kinitx taf.”

Wara li ngħaqdet ma’ ngangkaris f’ South Australia u kkonsultat mal-komunità, Dr Panzironi rrealizzat il-bżonn li servizzi bħal dawn ikunu aktar aċċessibbli.
Dr Panzironi and Debbie Watson.jpg
From left, Dr Francesca Panzironi and Debbie Watson
In-nies verament riduhom. Ma kinitx biss teorija. In-nies kienu qed iħossuhom aħjar, in-nies kellhom bżonnhom.
Dr Francesca Panzironi
Illum, l-ANTAC qed tagħmel il-fejqan tradizzjonali aċċessibbli għall-pubbliku, mis-servizzi tas-saħħa, sas-servizzi korrettivi u kull istituzzjoni oħra interessata li titgħallem u tesperjenza dan il-fejqan. 

Filwaqt li l-fejqan tradizzjonali ma jiħux post il-mudell biomediku, “jista ’jaħdem id f’id” u joffri trattament aktar kulturalment sensittiv għall-kwistjonijiet tagħhom, tgħid Dr Panzironi.

“Jista’ jaħdem id f’id”

Brett Rowling huwa dixxendent tal-popli Bungoree u Matora, u spiżjar analitiku.

Hu jgħid li l-mediċina tradizzjonali u l-mediċina moderna, għalkemm jidhru li huma opposti, jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin, u dan jippermetti żewġ opinjonijiet differenti u uniċi.
L-ewwel ħaġa, hija l-istorja orali, it-tagħlim u l-morali tagħna bis-sigrieti, u min-naħa l-oħra huwa l-mod ta’ kif jaħdmu n-nies bojod, id-data u l-analiżi. Huma oppositi ta’ xulxin, iżda t-tnejn jikkumplimentaw lil xulxin ħafna.
Brett Rowling
Pereżempju, il-paracetamol huwa bbażat fuq data u analiżi tax-xjenza moderna, iżda l-mediċina tradizzjonali, li ġiet mgħoddija bħala storja orali, tista’ taħdem ukoll b’mod effettiv l-istess, billi tagħti żewġ fehmiet differenti, iżda kompletament għall-istess ħaġa.
Brett Rowling.jpg
Brett Rowling
“Ilna għaddejjin mill-bidu taż-żmien. Kellna kollox. Mhux qisna konna qed nistennew il-bojod biex jispjegawlna kif għandhom jaħdmu l-affarijiet. Diġà kellna kollox, mediċini differenti, u teknika.”

Brett Rowling jgħid li wasal iż-żmien li “nagħrfu dan u nuru dan lin-nies u lid - dinja.”

Hemm tant affarijiet li d-dinja tista’ tibbenefika minn dan l-għarfien, tgħid Dr Alana Gall.

“Fl-Awstralja, aħna l-eqdem kultura kontinwa fuq din il-pjaneta. Għalhekk għandna ħafna għerf, dwar kif nieħdu ħsieb l-art, dwar kif nagħmlu l-mediċina b’modi li ilna nagħmlu minn dejjem.

Jekk nisfruttaw dak l-għarfien, allura nkunu nistgħu nagħmlu differenza fil-problemi tal-lum, bħal mediċini antibijotiċi, tispjega Dr Gall.

Ix-xjenza moderna tista’ tipprovdi wkoll id-data u l-analiżi meħtieġa biex tiġi ċċekkjata s-sikurezza tal-mediċini tradizzjonali.

Protezzjoni tal-għarfien

Madankollu, mingħajr protezzjoni xierqa għal dan l-għarfien, xi komunitajiet isibuha bi tqila biex jaqsmu l-għarfien tagħhom, u sfortunatament, l-anzjani jmutu u magħhom jispiċċa dan l-għarfien, tispjega Dr Gall.

“Ir-realta’ hi li l-għarfien tagħna mhux protett. Dan ifisser li m’huwiex sigur għalina li ngħaddu dan l-għarfien b’ mod ħieles.”

Hija tgħid li l-kumpaniji farmaċewtiċi, kożmetiċi, u agrikoli jistgħu jwarrbu dak l-għarfien, jikkummerċjalizzawh u japprofittaw minnu b’mod sinifikanti.

B’konsegwenza ta’ dan, in-nies stess li għandhom dan l-għarfien jistgħu ma jkollhomx l-opportunità li jaċċessawh u jibbenefikaw minnu. U dan iqajjem ukoll tħassib dwar is-sostenibbiltà, hija żżid tgħid.

 L-għan fit-tul ta’ Dr Gall huwa li jkun hemm sistema stabbilita biex dan l-għarfien ikun jista’ jinqasam għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bnedmin kollha tad-dinja.

Share