Fis-satra ta’ eluf ta’ stilel u kwiekeb iteptpu u permezz ta’ ċikli bla għadd tal-Qamar, il-kultura u l-preżenza tal-Ewwel Nazzjonijiet fl-Awstralja tmur lura eluf ta’ snin.
Mill-meravilja tas-serbut ta’ kwiekeb magħrufa bħala Milky Way, (it-Triq ta’ Sant Anna) sal-meteori, u l-fażijiet differenti tal-Qamar, hemm ħafna x’wieħed jitgħallem dwar l-astronomija Indiġena u l-għarfien tal-istilel.
Meta nħarsu ’l fuq fis-sema billejl, naraw firxa sabiħa ta’ kwiekeb iteptpu fost il-fażijiet dejjem jinbidlu tal-qamar wara li tinżel ix-xemx kuljum.
L-astronomija hija l-istudju tal-oġġetti u l-fenomeni fis-sema, u l-astronomija Indiġena tirreferi għall-għarfien profond tal-istilel u l-kwiekeb u l-konnessjonijiet tagħhom mal-art – bil-fehma li kull m’hemm fuq l-art huwa rifless fis-sema.
Għan-nies Aboriġini u Torres Strait Islander, is-sema jirrifletti prattiċi kulturali li għaddew permezz tat-tradizzjoni orali lill-eluf ta’ ġenerazzjonijiet, f’forma ta’ stejjer, kanzunetti, ċerimonja, u arti.
Moon over the Sydney Harbour Bridge – image Eclipse Chasers.
“Għal aktar minn 60,000 sena n-nies tal-Ewwel Nazzjonijiet ħarsu ’l fuq lejn is-sema. Dan jgħinna nifhmu d-dinja ta’ madwarna bl-osservazzjoni tagħna tal-kwiekeb, il-pjaneti, il-qamar, ix-xemx u l-atmosfera, biex inbassru l-bidliet tat-temp, biex ninnavigaw fuq l-art u l-ilma, u biex nippjanaw il-ġbir tal-ikel, il-kaċċa, il-kummerċ jew ċerimonji, kif ukoll biex ngħaddu l-istejjer minn ġenerazzjoni għall-oħra,” tispjega Aunty Joanne.
L-għarfien tal-istilel u l-kwiekeb Indiġeni huwa mod kif in-nies tal-Ewwel Nazzjonijiet jifhmu d-dinja li jgħixu fiha u s-sehem u r-responsabiltajiet tagħhom fi ħdanha.
“Għandna qawl li jgħid – dak kollu li hemm fuq qiegħed hawn isfel. Għalhekk tista’ tkun taf dwar il-komunità tiegħek, il-versi tal-kanzunetti, siti ta’ ċerimonji importanti u affarijiet oħra billi tuża l-kwiekeb - iżda l-kwiekeb weħidhom, jeħtieġu ftit għajnuna biex int tifhem kollox, u għalhekk li tkun taf iż-żifna tiegħek, tkun taf il-lingwa tiegħek, u l-konnessjoni tal-inħawi fejn toqgħod mal-pajjiż tiegħek - jivvalida kollox,” tgħid Aunty Joanne.
Duane Hamacher huwa Professurr tal-Astronomija Kulturali fl-Iskola tal-Fiżika fl-Università ta’ Melbourne. Jaħdem mal-komunitajiet Aboriġini u Torres Strait Islander biex jiddokumenta u jaqsam l-għarfien tradizzjonali tagħhom.
L-elders jispjegaw li kull m’hemm fis-sema hu marbut mal-art. Għalhekk, jekk tkun trid taf kif taħdem id-dinja, għandek tħares lejn il-kwiekeb.Duane Hamacher.
“Il-bnedmin dejjem kellhom konnessjoni mill-qrib mas-sema. Il-kwiekeb jgħinuna biex nifhmu l-ispazju u ż-żmien. Huma jilluminaw il-liġi u x-xjenza. Iservu ta’ mappa u l-kejl taż-żmien. U jiffunzjonaw bħala spazju ta’ memorja b’saħħitha, biex b’hekk in-nies ikunu jistgħu jgħaddu l-għarfien – mhux mittiefes – għal eluf ta’ snin,” jgħid Duane Hamacher.
Kull m’hemm fis-sema għandu tifsira u skop. Il-movimenti tax-Xemx, il-Qamar, u l-kwiekeb jintużaw biex ibassru bidliet fl-ambjent lokali tagħna, bħall-istaġuni, ix-xejriet tat-temp, u l-imġieba tal-pjanti u l-annimali.
The Australian sky at night - Image Ken Cheung.
“Jekk trid tkun taf meta se tagħmel ix-xita, ħares ’il fuq. Jekk trid tinnota ċ-ċikli tal-imġieba tal-annimali jew tkun trid taf meta għandek tħawwel jew taħsad fil-ġonna jew tfittex sorsi tal-ikel, ħares ’il fuq. Għandek titgħallem taqra l-kwiekeb u l-ambjent ta’ madwarek biex tifhem x’qegħdin jgħidulek."
Dan il-mod ħolistiku ta’ kif inħarsu lejn id-dinja huwa ċentrali għall-kultura tal-Aboriġini u Torres Strait Islander, jgħid Duane Hamacher.
“F’Torres Strait, l-elders jgħallmu kif għandu jkun osservat it-teptip tal-kwiekeb. Jekk tkun tista’ tinterpretahom – iġifieri li tosserva u tinterpreta l-bidliet fl-għamliet tagħhom, bħall-kulur, kemm ileqqu, jew kif iteptpu - titgħallem affarijiet importanti dwar l-atmosfera. Dan jista’ jgħidlek jekk tkunx ġejja xi maltempata jew jekk ir-riħ ikunx se jdur,” jispjega Duane Hamacher.
Kull lejl, il-kwiekeb jitilgħu fis-sema tal-lvant erba’ minuti qabel il-jum ta’ qabel. Matul sena, l-kwiekeb iduru f’ċirku sħiħ hekk kif id-Dinja iddur madwar ix-Xemx.
Dan iċ-ċiklu ta’ bidla fis-sema jaħbat mal-bidliet fuq l-art. Kif tispjega Aunty Joanne, l-Emù fis-Sema, jew l-Emù Skur, hija kostellazzjoni magħrufa li tispikka bil-partijiet skuri fil-Milky Way.
“Li nħobb dwar l-Emù fis-sema huwa li juri lil ħaddieħor kif in-nies tal-Ewwel Nazzjonijiet jużaw l-irqajja’ skuri mudlama fis-sema daqs il-kwiekeb, imma wkoll għax jirriflettu l-imġiba tal-Emù terrestri, u allura dak li naraw jagħmel l-Emù fuq l-art, naraw ukoll dik l-informazzjoni parallela fis-sema.”
The Dark Emu rising - Image Geoffrey Wyatt.
“Dan jaħbat maż-żmien tas-sena meta l-emù ikun se jbejjet,” jgħid Duane Hamacher.
“Hekk kif jgħaddu x-xhur, l-Emù Skur ikun fl-għoli sa Ġunju u Lulju. Dan huwa ż-żmien meta l-emù raġel ikun fuq il-bajd. Meta Emù idur u jkun perpendikulari mal-orrizzont tal-lbiċ f’Awwissu u f’Settembru, iż-żgħar jibdew ifaqqsu.”
L-Emù fl-ispazju, li jissemma fl-istejjer tradizzjonali mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra mill-Ewwel Nazzjonijiet, jirreġistra informazzjoni importanti xjentifika.
“L-elders Gunaikurnai tan-nofsinhar ta’ Victoria jirrakkontaw kif ir-raġel tal-Qamar kien qed jikkaċċja emù. L-emù pprova jaħrab billi ġera fuq siġra li kienet fuq xmara. Imma żelaq u waqa’ fl-ilma. Illum tista’ tara l-istorja illustrata fis-sema. Is-silwett tal-emù jidher fix-xmara tas-sema - il-Milky Way jew Warrambool,” jispjega Duane Hamacher.
“Is-siġra tal-Yarran fix-xmara hija s-Southern Cross, maġenb ras l-emù. Meta r-raġel tal-Qamar joħroġ, l-emù jistaħba mill-kaċċatur. Dan jiddeskrivi kif it-tniġġis tad-dawl naturali tal-Qamar, li d-dawl qawwi tiegħu jbatti id-dettall tal-Milky Way, jagħmilha diffiċli għall-emù biex jara.”
Fenomeni temporanji li jidhru billejl fis-sema, bħal meteori - għandhom ukoll tifsira fil-kulturi Indiġeni.
Aunty Joanne Selfe - Image supplied. Associate Professor Duane Hamacher, image – Amanda Fordyce.
“Fil-biċċa l-kbira fit-tramuntana tal-Awstralja, meteori jleqqu huma marbuta mal-ispirti ħżiena. Il-meteori huma dawn l-entitajiet twal iserrpu fis-sema. F’Torres Strait, meteori jleqqu jissejħu Maier. L-elders jispjegaw li jirrappreżentaw l-ispirti ta’ nies li għadhom kemm mietu, u li qed jivvjaġġaw fis-sema bħal rokit lejn Beig, l-art tal-mejtin,” jgħid Hamacher.
Ir-relazzjoni bejn il-poplu Aboriġinu u Torres Strait Islander u l-kwiekeb tinkorpora sens ta’ identità u appartenenza mad-dinja naturali, is-sens tal-eżistenza u l-kultura tagħhom.
Fl-astronomija tal-Ewwel Nazzjonijiet, l-oriġini tal-univers, imur lura lejn it-Tjukurrpa. Il-Pajjiżi tal-Punent jirreferu għal dan iż-żmien bħala tal-Ħolm, imma bażikament, huwa ż-żmien ta’ ħafna snin ilu, meta beda jeżisti kollox.Aunty Joanne
“Imma dak li hu interessanti f’din l-istorja hu li la ż-żmien u lanqas l-istorja kif nifhmuhom aħna m’huma involuti fit-tifsira. Għandna kunċett – dak li jissejjaħ kull meta, u bħalma popli spirti iġġerrew fuq l-art u għamlu l-muntanji, ix-xmajjar, u s-sema, u l-oġġetti kollha fis-sema, li naraw madwarna, dan jagħtik ħjiel biex tifhem li fil-fatt aħna kokreaturi tal-univers li ngħixu fih - l-osservaturi u min josserva huma l-istess," tispjega Aunty Joanne.
B ’dan il-mod, l-għarfien tal-kwiekeb Indiġeni huma parti integrali mar-rabta tal-passat, il-preżent, u l-futur ma’ sistema ħolistika ta’ għarfien, li hija ċentrali għall-kultura tal-Ewwel Nazzjonijiet.
Subscribe or follow the Australia Explained podcast for more valuable information and tips about settling into your new life in Australia.